L-Istorja tal-Biċċerija

L-annimali ilhom jinqatlu għal-laħam fil-gżejjer Maltin tista’tg]id minn dejjem. L-Arkivji Medjevali jiddokumentaw l-eżistenza tal-leġiżlazzjoni dwar il-qtil tal-annimali, inkluż dwar l-istandards dwar kif dawn għandhom ikunu ppreżentati għall-bejgħ, min huwa awtorizzat joqtol l-annimali, fejn jista’ jinbiegħ u hekk.

Matul il-Perjodu tal-Kavallieri, il-Gran Mastru Jean Lascaris Castellar (1636-1657) ħareġ mandat li l-qtil kollu kellu jsir fil-Belt Valletta, fiż-żona li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-”Gran Fontana” (din kienet funtana mibnija fuq il-post fejn il-Kavallieri, lura f’Mejju 1566, b’xorti kienu skoprew nixxiegħa naturali fejn issa tinsab Triq San Kristofru faċċata Triq Zekka). L-istess granmastru bena wkoll tmien imħażen fi Triq San Kristofru, erba’ fuq kull naħa tat-triq li twassal għall-Fossa (Jews’ Sally Port), biex jintużaw bħala parti mill-biċċerija. Sal-1677 it-tmien imħażen kienu maqsuma f’żewġ swali kull wieħed biex jagħmlu total ta’ 16. L-imsemmija Gran Fontana tbidlilha isimha għal “Fontana della Bucieria” (biċċerija), mill-bini tal-biċċerija l-qadima li għadha wieqfa fuq in-naħa ta’ wara tal-funtana.

Sa mill-1897 ġiet stabbilita u bdiet topera biċċerija f’Albert Town, il-Marsa – fil-fatt fuq is-sit kien hemm biċċeriji kemm ċivili kif ukoll militari. Matul is-snin, il-Biċċerija sarulha rinnovazzjonijiet maġġuri. Partijiet minn din il-biċċerija kienu ġġarrfu u reġgħu nbnew fl-1974, partijiet oħra tal-bini ġew rikonoxxuti bħala wirt arkeoloġiku industrijali u għaldaqstant kienu rrestawrati, u dan l-aħħar skedati. Saru aktar aġġornamenti fis-snin tmenin kif ukoll fil-perjodu li wassal għall-adeżjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, meta l-Biċċerija ġiet aġġornata skont l-istandards tal-UE. Fl-2008, ġie inawgurat impjant ta’ €1 miljun għat-tqattigħ u l-ispolpjar iffinanzjat mill-Ħames Protokoll Finanzjarju Taljan biex ikun jista’ jsir aktar tqattigħ u spulpjar ta’ laħam mill-karkassi maqtula fil-Biċċerija Pubblika.

Matul dawn l-aħħar snin, il-Gvern imbarka fuq proġett mifrux fuq bosta snin li ra l-investiment ta’ aktar minn EUR 11-il miljun biex jiġu rinnovati l-linji tal-qatla u t-tagħmir tal-ipproċessar, it-titjib tal-livelli tal-iġjene, it-tnedija ta’ faċilitajiet ġodda għat-tqattigħ u t-tneħħija tal-għadam tal-majjal u ċ-ċanga, u tisħiħ tad-diġitizzazzjoni tal-proċessi differenti.