L-annimali bovini kollha maqtula fil-Biċċerija Pubblika huma kklassifikati skont il-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-mekkaniżmu tal-UE għall-klassifikazzjoni tal-karkassi taċ-ċanga jistabbilixxi kriterji komuni għall-klassifikazzjoni tal-kwalità tal-laħam mal-Unjoni Ewropea kollha, u għaldaqstant jiżgura standards ta’ klassifikazzjoni komuni mal-Istati Membri kollha.
Standard ta’ klassifikazzjoni komuni jiżgura li l-konsumaturi mal-UE kollha jkunu jistgħu jqabblu l-kwalità tal-laħam prodott/ipproċessat fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-UE u għaldaqstant jixtru l-kwalità tal-laħam li jiggostaw l-aktar filwaqt li jevitaw deskrizzjonijiet tal-kwalità suġġettivi li jistgħu jvarjaw minn reġjun għal ieħor. Barra minn dan, tkun tista’ tintuża wkoll is-sistema tar-rapportar tal-prezz taċ-ċanga mal-UE kollha, u t-tqabbil ta’ prezzijiet tal-laħam ta’ kwalità simili mal-UE kollha.
Il-klassifikazzjoni għall-Annimali Bovini titwettaq fuq tliet livelli hekk kif ġej:
Kategorija: L-Annimali Bovini kollha huma kklassifikati taħt kategoriji differenti skont is-sess u l-età tagħhom. Il-kategoriji differenti huma indikati bl-ittri: A (barri żgħir mhux ikkastrat li għandu inqas minn sentejn), B (barri mhux ikkastrat), C (għoġol, jiġifieri barrin ikkastrati), D (baqra, jiġifieri annimal bovini femminili li ferrgħet) u E (għoġla, jiġifieri annimali femminili li ma ferrgħux). L-annimali bovini żgħażagħ sa tmien xhur huma identifikati bl-ittra V, filwaqt li annimali bovini li għandhom aktar minn tmien xhur iżda inqas minn tnax-il xahar huma indikati bl-ittra Z.
Konformazzjoni (SUEROP): din tindika l-forma tal-karkassa u tqis l-għolja tal-koxxa, id-dahar u l-ispalla tal-karkassa u hija indikata bl-ittri S (Superjuri), E (Eċċellenti), U (Tajba Ħafna), R (Tajba), O (Mhux ħażina, P (Inferjuri).
Grass (Klassi tal-Grass 1-5): din tindika l-ammont ta’ grass fuq in-naħa ta’ barra tal-karkassa u fil-kavità toraċika. Dan huwa indikat bin-numri 1 (Baxx), 2 (Kemxejn), 3 (Medju), 4 (Għoli), 5 (Għoli Ħafna).