Impjant tal-Produzzjoni tal-Mazzit

F’Marzu 2024, il-Biċċerija Bubblika inawgurat Impjant ta’ Produzzjoni tal-Mazzit fi ħdan il-kumpless tagħha fil-Marsa li huwa approvat taħt ir-Regolament (KE) Nru 178/2002.

L-impjant jippermetti li l-mazzit jinħadem fuq skala industrijali żgħira, u dan bħala parti minn proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Raħħala jew ħwienet jew proċessuri tal-laħam qed jingħatalhom aċċess (bi ħlas) biex jutilizzaw dan l-investiment dejjem taħt il-kontroll u s-superviżjoni tal-Biċċerija Pubblika. Dan il-mekkaniżmu jiżgura li l-prodott ikun manifatturat taħt superviżjoni u skont in-normi ta’ iġene u traċċabilità neċessarja biex prodott tal-ikel ikun tajjeb għall-konsum uman, anki fid-dawl tal-fatt li l-mazzit juża’ d-demm bħala ingredjent ewlieni, u dan jekk ma jinżammx sew faċilment jaqta’. Il-Biċċerija se tkun qed tiżgura ukoll li l-mazzit isegwi r-riċetta tradizzjonali u hekk dak il-prodott tradizzjonali ikun salvagwardjat mir-riskju ta’ abbuż. Fl-istess ħin, inħallu lid-diversi produtturi jsegwu r-riċetta partikolari tagħhom fejn il-persentaġġi ta’ ċertu ingredjenti jinbidlu bejn produttur u ieħor kif isir ukoll b’ċertu ħwawar. Hekk, il-Biċċerija qed tgħin u tikkumplimenta lill-privat u mhux tikkompeti miegħu jew tiffaċilità kompetizzjoni inġusta.

Skont il-liġi, ħwienet tal-laħam li jipproduċu l-mazzit ma jistgħux ibigħu lil negozji oħra sakemm mhux reġistrati taħt ir-Regolament (KE) Nru 178/2002. Dawk li jaħdmu il-mazzit f’dan l-impjant, iżda, se jkunu jistgħu ibigħu il-mazzit lil ristoranti u stabbilimenti tal-catering kif ukoll supermarkets, ħwienet tal-merċa u stabbilimenti simili.