Il-produzzjoni tal-mazzit tinkludi diversi passi: Preparazzjoni tat-taħlita: Qabel ma d-demm jasal fil-faċilità tal-produzzjoni, taħlita ta’ basal lokali mqaxxar, żbib, zokkor, trab tal-kawkaw jew ċikkulata likwida, u ingredjenti oħra jissajru bil-mod sakemm il-basal isir kannella.
Estrazzjoni tad-demm: Waqt li t-taħlita tkun qed tiġi ppreparata, id-demm jiġi estratt jew mill-majjal tas-simna jew mill-għoġġiela, f’biċċerija lokali approvata. Il-ħliefa titneħħa b’mod mekkaniku biex jiġi evitat li d-demm jagħqad, filwaqt li jiġi żgurat li jiġu sodisfatti l-istandards tal-iġjene. Id-demm imbagħad jiġi ppakkjat u jintbagħat lejn l-impjant tal-produzzjoni f’ħin ta’ bejn sagħtejn u erba’ sigħat.
It-taħlit tad-demm mat-taħlita: fl-impjant tal-produzzjoni, id-demm jitħallat mat-taħlita ppreparata minn qabel f’ kontenitur tal-metall mhux imsaħħan. Id-demm jammonta għal madwar 55% (±10%) tat-taħlita finali, bil-basal għal madwar 20% (±5%), iz-zokkor madwar 20% (±5%), u l-bqija tal-ingredjenti li jiffurmaw il-bqija (sa 10%).
Mili: It-taħlita titferra’ fil-budullata lokali permezz ta’ lembut. L-intestini mbagħad jintrabtu biex jiffurmaw forom individwali qishom zalzett, imqabbdin f’ katina. Kull biċċa tinħadem fuq l-għajnejn biex tiġi tiżen madwar 0.8 kg (ratal) (±25%).
Irfinar: Il-mazzit jissajjar għal ftit ħin fl-ilma jagħli sakemm jitla’ fil-wiċċ. Imbagħad jiġi mgħaddas f’ilma mielaħ u mkessaħ għall-bejgħ.
Varjazzjonijiet u tradizzjoni
Ir-riċetti tal-mazzit jistgħu jvarjaw ftit bejn il-produtturi, b’ kull familja/produttur tipikament t/jgħasses ir-riċetta unika tagħhom/tiegħu, mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra. Il-varjazzjonijiet huma l-aktar fil-ħwawar u t-togħmiet ħelwin miżjuda, li jiffurmaw porzjon żgħir mit-taħlita totali.