Il-Biċċerija Pubblika tipprovdi s-servizzi tal-qatla tagħha permezz ta’ żewġ linji tal-qatla, waħda għall-ħnieżer u ruminanti żgħar, u t-tieni linja tal-qatla tintuża għall-qatla ta’ bovini u ekwini.
Il-Linja tal-Qatla tal-Ħnieżer
Il-Linja tal-Qatla tal-Ħnieżer għandha l-kapaċità għall-qatla ta’ madwar 100 ħanżir fis-siegħa, jiġifieri, medja ta’ ħanżir kull 36 sekonda. Din hija l-linja tal-qatla li tintuża l-aktar fil-Biċċerija Pubblika u taħdem bħala medja erbat ijiem fil-ġimgħa, tlitt ijiem għall-qatla tal-ħnieżer u jum wieħed għall-qatla ta’ ruminanti żgħar (mogħoż u nagħaġ).
Il-Qatla tal-Bovini
Il-Linja tal-Qatla tal-Bovini għandha l-kapaċità ta’ 15-il baqra fis-siegħa, jiġifieri li karkassa tiġi pproċessata kull 4 minuti. L-unità tal-produzzjoni taħdem darba fil-ġimgħa, ġeneralment kull nhar ta’ Ħamis, u tiġi pproċessata medja ta’ 70-100 baqra. Il-qatla attwali tiddependi fuq id-domanda għal tali servizzi minn dawk li jrabbu l-bhejjem.
Sistema ta’ Konservazzjoni
Il-biċċerija hija mgħammra b’6 chillers għat-tkessiħ temporanju tal-karkassa. Dawn iċ-chillers jinżammu f’temperatura ta’ bejn 0 sa 4 grade Celsius sabiex il-karkassi intieri jilħqu 4°C qabel ma jintbagħtu.
Impjant tat-Tqattigħ u l-Ispolpjar
Barra mis-servizzi tal-qatla, il-Biċċerija Pubblika tipprovdi wkoll servizzi ta’ tqattigħ u spolpjar tal-karkassi li jinqatlu fil-Biċċerija. Servizzi bħal dawn huma pprovduti f’impjant separat li jinsab fil-perimetru tal-Biċċerija Pubbliku u huwa konness direttament mal-faċilitajiet tal-konsenji tal-Biċċerija Pubblika.