Is-sengħa ta’ biċċier tal-linja tal-qatla hija waħda speċjalizzata u tinvolvi ħiliet li huma sostanzjalment differenti minn dawk assoċjati ma’ forom oħra tas-sengħa tal-biċċier. Il-Biċċerija Pubblika, bħala l-uniku fornitur ta’ servizzi relatati mal-qatla ta’ bovini, ħnieżer, ekwini u ruminanti żgħar f’Malta, tospita taħriġ speċjalizzat fuq il-post tax-xogħol, fuq bażi kontinwa, f’dawn il-ħiliet għal dawk li jixtiequ jsiru biċċiera. Dan it-taħriġ jifforma parti mill-kors tal-MCAST li jwassal għal ċertifikazzjoni ta’ ‘Award in Butchery’ fil-livell 3 tal- Qafas ta’ Kwalifikazzjoni ta’ Malta (MQF).
Il-kors tal-MCAST, imniedi fl-2023, jinkludi unitajiet ta’ studju differenti inklużi dawk li jiffokaw fuq il-kwalità tal-laħam, il-qatla tal-annimali, it-tqattigħ tal-karkassi, l-ipproċessar tat-tneħħija tal-għadam, u tekniki avvanzati fil-mod kif jinħadem il-laħam. L-istudenti se jkollhom ukoll l-opportunità li jsegwu ħidma prattika fuq il-post tax-xogħol għal 650 siegħa, biex b’hekk ikun żgurat li jiksbu esperjenza prattika fl-industrija. It-taħriġ iħares kemm lejn il-ħiliet prattiċi, bħall-immaniġġjar tat-tagħmir kif ukoll lejn il-pedamenti teoretiċi li fuqhom huma bbażati dawn il-prattiki. Dan jinkludi familjarità mar-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali u l-iġjene kemm tal-leġiżlazzjoni Ewropea kif ukoll nazzjonali kif ukoll l-użi potenzjali tad-diversi partijiet tal-karkassa, inklużi prodotti sekondarji tal-annimali.
Mingħajr preġudizzju, meta individwu jlesti b’suċċess ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ tat-taħriġ u jikseb iċ-ċertifikat tal-‘Award in Butchery’ fil-livell MQF 3 tal-MQF jkun eliġibbli għal kwalunkwe sejħa għall-applikazzjoni għall-kariga ta’ biċċier tal-qatla kemm fil-Biċċeriji Pubblika ta’ Malta kif ukoll f’dik ta’ Għawdex.
Individwi li huma interessati li jibdew it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol għandhom japplikaw fuq il-websajt tal-MCAST u/jew jikkuntattjaw l-amministrazzjoni tal-Biċċerija Pubblika.