Il-Biċċerija Pubblika hija l-uniku fornitur ta’ servizzi relatati mal-qatla għal annimali bovini, ħnieżer, ekwini u ruminanti żgħar f’Malta. [1]
L-annimali jinqatlu f’waħda miż-żewġ linji tal-qatla fil-biċċerija, skont skeda ta’ kull ġimgħa stabbilita minn qabel. Il-qatla titwettaq b’mod uman skont l-istandards internazzjonali tat-trattament xieraq tal-annimali. Il-Biċċerija Pubblika tadotta proċess f’żewġ passi fejn l-annimal l-ewwel jiġi stordut u konsegwentement ma jkunx sensittiv għall-uġigħ. L-annimali bovini, ir-ruminanti żgħar u l-ekwini jiġu storduti b’captive bolt. Il-ħnieżer jiġu storduti permezz tal-asfissjazzjoni, bid-Diossidu tal-Karbonju. L-annimali jinqatlu waqt li jkunu mitlufin minn sensihom.
Wara l-qatla, il-karkassi jitħejjew b’mod konformi mal-istandards veterinarji internazzjonali u r-regolamenti tal-UE. L-annimali bovini, ir-ruminanti żgħar u l-ekwini jinsolħu (il-ġilda titneħħa b’mod mekkaniku u/jew manwalment) filwaqt li l-ħnieżer jitneħħilhom il-lanżit (il-karkassi jinstamtu u l-lanżit jixxawwat). Imbagħad, il-karkassa tinqasam fit-tnejn u jitneħħew l-interjuri. Il-karkassi tal-bovini huma ppreżentati konformi mar-Regolament tal-UE 1249/2008. L-Artikolu 13 ta’ dak ir-regolament jistabbilixxi li l-karkassi tal-bovini għandhom ikunu ppreżentati mingħajr it-tneħħija tal-grass estern, l-għonq jitqatta’ skont ir-rekwiżiti veterinarji u mingħajr: il-kliewi u x-xaħam tal-kliewi; ix-xaħam pelviku; il-falda rqiqa; il-falda ħoxna; id-denb; in-nerv tas-sinsla; ix-xaħam tal-iskrotu; ix-xaħam fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-għalja tal-koxxa; il-vina ġugulari u x-xaħam li jmiss magħha. It-tneħħija tax-xaħam ta’ barra b’mod obbligatorju tinvolvi esklussivament it-tneħħija parzjali tax-xaħam ta’ barra: mill-għadma tal-ġenb (bejn l-aħħar kustilja u l-koxxa), mill-flett u mill-kustilji tan-nofs; mit-tarf tal-ponta tas-sidra, iż-żona anoġenitali ta’ barra u d-denb; u min-naħa tal-għalja tal-koxxa. L-istandard tal-preżentazzjoni għall-karkassi tal-ħnieżer huwa stabbilit fir-Regolament tal-UE 1308/2013 li tistabbilixxi li “l-karkassi għandhom ikunu ppreżentati mingħajr l-ilsien, il-lanżit, il-qawqbiet, l-organi ġenitali, is-sonża, il-kliewi u d-dijaframma”. L-istess regolament jirrakkomanda preżentazzjoni standar għall-karkassi tan-nagħaġ hekk kif ġej: “mingħajr ir-ras (maqtugħa fl-għaksa atlantooċċipitali), is-saqajn (maqtugħin fl-għaksa karpometakarpika jew tarsometatarsika), id-denb (maqtugħ bejn is-sitt u s-seba’ vertebra tad-denb), il-bżieżel, l-organi ġenitali, il-fwied u l-ġewwieni. Il-kliewi u x-xaħam tal-kliewi huma inklużi fil-karkassa”.
Sabiex tiġi żgurata l-adattabbiltà għall-konsum mill-bniedem, jittieħdu kampjuni minn kull karkassa għal ittestjar addizzjonali fil-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali filwaqt li veterinarju jwettaq spezzjoni wara l-qatla fuq kull ras. Il-karkassi huma wkoll ikklassifikati f’konformità mar-regolamenti tal-UE. Il-karkassi mbagħad jinħażnu fi kmamar b’temperaturi kkontrollati fit-tħejjija għall-konsenja u/jew it-tqattigħ u l-ispolpjar.
Il-Biċċerija Pubblika tipprovdi wkoll is-servizzi ta’ qatla ħalal għall-annimali maqtula għall-konsum mill-komunità Musulmana lokali. Qatla bħal din titwettaq minn biċċier Musulman imħarreġ f’konformità mar-regolamenti Ewropej u nazzjonali dwar l-iġjene u t-trattament xieraq tal-annimali. Fuq talba tista’ tinħareġ nota li tikkonferma li annimal partikolari nqatel f’konformità mal-prattiki ħalal.
[1] Il-biċċerija ta’ Għawdex hija l-uniku stabbiliment ieħor bħal dan fil-gżejjer Maltin, għalkemm hija ferm iżgħar