Applikazzjoni IĠP

Il-Mazzit Stakeholders Group, bl-għajnuna tal-Biċċerija Pubblika (li hija l-uniku produttur tad-demm tal-majjal tas-simna u tal-għoġġiela fil-gżejjer Maltin kif ukoll l-operatur tal-Mazzit Production Plant), issottometta applikazzjoni biex il-mazzit jiġi rikonoxxut bħala prodott protett taħt l-iskema tal-Unjoni Ewropeja ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP).

It-tikketta IĠP tenfasizza r-relazzjoni bejn ir-reġjun ġeografiku speċifiku u l-isem tal-prodott, fejn kwalità partikolari, reputazzjoni jew karatteristika oħra hija essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu.

L-applikazzjoni kienet sottomessa mal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), bħala l-korp kompetenti f’Malta. Il-proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali ntemm fid-9 ta’ April 2024, u issa il-proċess jgħaddi għall-konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri.